
Il-Knisja l-Antika
Il-Knisja l-Antika tiftaħ it-tieqa għal storja antika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Skopri ritratti rari u deskrizzjonijiet affaxxinanti tal-knisja kif kienet, fejn il-passat jgħaqqad mat-tradizzjoni u s-sbuħija eterna tal-fidi tagħna.

Il-Kappella ta’ Sant’Elija
L-artal ta’ ħdejn il-kappellun ta’ San Ġużepp kien iddedikat lil Sant’Elija, Fundatur tal-Ordni Karmelitan. Il-kwadru tal-artal, li għadu jista’ jitgawdu fil-knisja l-ġdida huwa kwadru ta’ valur artistiku kbir, xogħol ta’ Lorenzo Aspetti. Din il-kappella qabel l-1730 kienet iddedikata lill Marija Assunta u ta’ kull sena kienu jsiru festi kbar saħansitra bil-kwindiċina.
Il-kwadru juri lil Sant’Elija liebes libsa kannella b’ċinturin ma’ qaddu u b’mantell magħmul minn ġild tal-annimali. Sant’Elija jider rieqed taħt siġra, ħdejn bir, b’rasu mistrieħa fuq idu, F’idu l-leminija jider qed iżomm ħatar u quddiemu jidher anġlu. Fl-24 ta’ Novembru tal-1933 dan il-kwadru kien ġie mibdul ma’ wiehed tal-pittur Palmieri. Iżda fid-26 ta’ Jannar 1940 billi ħafna nies li jifhmu qalu li l-antik kien wisq isbaħ u għalhekk reġa’ tqiegħed f’postu fejn għadu sal-lum fil-knisja l-ġdida.
L-artal ta’ din il-kappella huwa tal-irham u sar fis-sena 1857. Qabel dan kien hemm artal ta’ l-injam. Is-saqaf ta’ din il-kappella kien kollu bil-pittura. Il-festa tal-Patrijarka Sant’ Elija ssir fil-20 ta’ Lulju, iżda qabel kienet issir f’Settembru.

Il-Kappella ta’ Santa Tereża u S. Rafel
It-tielet kappella kienet iddedikata lil Santa Tereża ta’ Ġesù u lil San Rafel Arkanġlu.
Kemm il-faċċata kif ukoll l-artal kienu kollha tal-irham, il-kwadru jirrapreżenta lil Santa Tereża għarkupptejha liebsa ta’ karmelitana waqt li Ġesù bilwieqfa qiegħed ipoġġi kuruna tal-ward fuq rasha. Warajha jider ukoll Tobija għarkupptejh u l-arkanġlu San Rafel. Il-kwadru kien sar minn Ġanni Bonnici fis-sena 1867.
Sas-sena 1796, din il-kappella kienet iddedikata lill-Madonna tal-Pilar. Il-kwadru tal-Madonna tal-Pilar (li għadu jeżisti fil-knisja l-ġdida fuq l-artal ta’ San Ġużepp), huwa xogħol ta’ Mattia Preti. Meta t-titolu tal-Kappella kien tal-Madonna tal-Pilar kien hemm sottokwadru ddedikat lil Santa Tereża ta’ Ġesù, u sa mis-sena 1627 kienet issir il-festa tagħha. Wara s-sena 1796 din il-Kappella ġiet għalkollox intitolata lil Santa Tereża, u sar kwadru kbir tagħha li illum jinsab fil-kunvent. Dan kien jirrappreżenta lil Santa Tereża għarkupptejha, fil-għoli tidher Marija SSma. qiegħda tlibbisha velu abjad, u wara l-Madonna jidher San Ġużepp.

Il-Kappella ta’ Sant’Anġlu
L-aħħar u r-raba’ kappella int u nieżel in-naħa tal-lemin hija ddedikata lil Sant’Anġlu Martri Karmelitan. Il-Prospettiva kif ukoll l-artal kienu tal-irħam u l-artal kien ġie kkonsagrat fit-22 ta’ Lulju 1881 mill-Isqof Karmelitan Mons. Salvatore Angelo De Martis.
Il-kwadru ta’ dan il-kappellun huwa xogħol Mattia Preti u għadu jista’ jitgawda fil-knisja l-ġdida. Dan jirrappreżenta lil Sant’Anglu liebes ta’ Karmelitan, għarkubbtejh b’idejh miftuħa, qiegħed iħares lejn is-sema b’kuruna u palma f’idejh. Fuq ras il-Qaddis tidher mannara, sinjal tal-martirju. Dan il-kwadru qabel kien imdendel mal-ħajt tal-Kor.
Din il-kappella antikament kienet iddedikata lill-Madonna ta’ Loretu u l-kwadru għadu jeżisti u jinsab fil-kappellun ta’ San Ġużepp. Dan il-kwadru juri lill-Madonna bilqiegħda fuq dar ċkejkna, waqt li qtajja’ tal-angli qegħdin jittrasportawha. Isfel jidhru żewġ qaddisin: Sant Andrija Appostlu u San Franġisk minn Pawla.
Dan il-kappellun kellu ukoll sotto kwadru ta’ Sant’Anna li fl-antik kien jiġbed lejh devozzjoni kbira.

Il-Kappella tal-Lunzjata
Ħdejn l-artal ta’ Sant Anjeże jew tal-Kurċifiss, wieħed isib il-kappella tal-Lunjata. Il-prospettiva ta’ din il-faċċata kienet minn irħam skur griż bil-kolonni ċatti tal-irħam aħmar jagħti fiċ-ċar.
Dan il-kwadru tal-Lunzjata kien kwadru artistiku ferm. Fin-naħa tax-xellug tidher il-Verġni Mqaddsa għarkupptejha b’idejha fuq sidirha f’qagħda l-iktar umli u devota waqt li qiegħda tħares mistaghgba lejn l-Arkanġlu Ġabriel li qiegħed fuq is-sħab quddiemha b’idu l-leminija ftit merfugħa lejn s-sema qiegħed jagħtiha t-tħabbira. Dan il-kwadru huwa xogħol il-pittur Pawlu Cuschieri u illum jinsab ikkonservat f’wieħed mill-kurituri tal-kunvent. Taħt dan il-kwadru kien hemm sotto kwadru tal-Qalb ta’ Ġesù li għadu jitgawda fil-knisja l-ġdida sal-lum.
Din il-kappella kienet minn dejjem iddedikata lill-Lunzjata tant li minn dokumenti nafu li fl-4 ta’ Mejju tal-1665 ir-Revdmu. Fra Fabrizio Cagliola, Kappillan Konventwali tal-Ordni Ġerosolimitan għamel fondazzjoni tal-festa tal-Lunzjata.

Il-Bieb tal-Ġenb
It-tieni kappella wara dik tal-Lunzjata ma kellhiex artal u minflok kien hemm bieb li jagħti għal barra. Dan il-bieb kien sar mal-bini tal-knisja u jagħti għal Triq Zekka. Fuq dan il-kwadru kien hemm kwadru kbir nofs tond jirrappreżenta t-tlugħ ta’ Marija SSma. fis-Sema.
Meta l-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu fl-1780 kienu ġiebu minn Napli l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu (li illum tinsab fil-knisja tal-Balluta) kienu talbu lill-Pirjol biex jagħmlu niċċa għall-istatwa u jqiegħduha f’ din il-kappella. Iżda l-Kommunità fid-19 ta’ Settembru 1780, ma aċċettatx u wara xi diżgwid li kien inqala’ ġie deċiż illi tiġi ordnata (mill-patrijiet) vara oħra tal-Madonna tal-Karmnu. Din il-vara hija l-istess vara li għadha tintuża fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu ta’ kull sena.

Il-Kappella tal-Anġlu Kustodju
It-tielet kappella max-xellug hija ddedikata lil Anġlu Kustodju. Il-prospettiva ta’ dan l-artal kienet għalkollox differenti mill-artali l-oħra u kienet l-isbaħ prospettiva mill-artali tal-ġnub.Din il-prospettiva kienet tinkludi erba’ kolonni li jkomplu jsebbħuha. Il-kwadru ta’ dan l-artal u li għadu jitgawda fil-knisja l-ġdida, huwa kwadru mill-isbaħ ta’ Francesco Zahra, li juri Anġlu kbir jieħu ħsieb tifel miexi fix-xagħri. Fil-ġnub tal-kappella fit-truf tal-pilastri ta’ taħt il-hnejja tal-passagg minn kappella għall-oħra, jidhru żewġ kwadri żgħar tondi. Dan tan-naħa tal-lemin kien ta’ San Gwalfredu li kien jiġbed devozzjoni kbira. L-ieħor kien ta’ Sant’ Antnin ta’ Padova.
Din il-kappella qabel ma ġiet iddedikata lill-Anġlu Kustodju kienet iddedikata lill-Madonna tas-Saħħa u kienet issir il-festa bl-Għasar u bil-Quddiesa Kantata. Fl-1746 ġiet iddedikata lill-Anġlu Kustodju u fl-istess sena twaqqfet is-Solidalità tal-Anglu Kustodju li kienet ukoll torganizza l-festa nhar it-tielet Ħadd ta’ Ottubru.